Il-kummiedja Fredu l-Fra teħodna fir-raħal kwiet ta’ Ħal Ħemda. Kif jissuġġerixxi ismu, f’dan ir-raħal pittoresk, ftit li xejn jiġru affarijiet... imma meta jiġri xi ħaġa, ir-raħal kollu ikun jaf biha! Fredu, ġuvni kwiet u tal-affari tiegħu, jieħu deċiżjoni li tissorprendi lil kulħadd – Iddeċieda li jidħol Fra! Din l-aħbar ma tantx tinżel tajjeb ma’ oħtu Ġuża, li kienet tgħix miegħu. Kif se tidra d-dar vojta? Kif se tqatta’ l-ġranet u l-iljieli mingħajru? Imma donnu d-destin kellu pjan ieħor. Ftit jiem wara li Fredu jidħol fil-kunvent, jitfaċċa Reno – raġel gustuż u muskolat li mal-ewwel jiġbed l-attenzjoni ta’ Ġuża. Imma Reno jħoss l-istess tfexfix? Jew forsi għandu pjanijiet oħra? Lanqas Lucy ma taċċetta faċilment id-deċiżjoni ta’ Fredu. Sa minn meta kienu tfal, kienet tħares lejh b’għajnejn differenti, u issa tiddeċiedi li tagħmel minn kollox biex tbiddillu fehmtu. Min-naħa tagħha, Ġuża twiegħed lilha nnifisha li tagħmel dak kollu possibbli biex twaqqaf lil Lucy. Min se jirbaħ din il-battalja? Fil-kunvent ta’ Ħal Ħemda, l-aħbar tintlaqa’ b’ferħ kbir. Fl-aħħar se jkollhom Fra biex jgħinhom! Patri Piet diġà qed joħlom b’ikliet ta’ livell ta’ Michelin, filwaqt li Patri Pupul, li faċli taqbiżlu ċ-ċinga, jifraħ mhux ftit bl-aħbar li jwassallu Patri Ġilormu... għax, kif jaf kulħadd, lil Patri Ġilormu ma jaħrablu xejn! Fortunatament hemm ukoll Patri Gwardjan, li b’għaqal u paċenzja jipprova jżomm l-ordni fil-kunvent. Imma... tassew li kollox se jimxi kif ppjanat? F’din il-kummiedja mimlija daħk u sitwazzjonijiet divertenti jieħdu sehem Jonathan Bonello, Soraya Chetcuti, Anthony Ellul, Pawlu Bonello, Tonio Vella, Daniel Borg Carbot, Ray Abdilla u Kim Ancilleri. Il-kitba hija ta’ Sam Delceppo, filwaqt li d-direzzjoni hija f’idejn Soraya Chetcuti. Int ukoll tista tiskopri magħna l-ġrajja ta’ Fredu l-Fra fil-31 ta’ Ottubru fis-7:00pm u fl-1 ta’ Novembru fit-3.00pm, fit-teatru tal-Junior Collage, l-Imsida. Biljetti minn: passwarapass.com jew ċempel 9907 6107. Għal aktar info
Vibe
Good to know
- Tip
- Performed in Maltese
- Setting
- indoor
- Best for
- Maltese comedy lovers
- Language
- en
Where
G.F. Abela - Junior College
G.F. Abela - Junior College,VFRQ+MQW, Guze Debono Square, Msida
Open in Google MapsListed on Festa — Malta & Gozo's event guide. Explore more events
